8. Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta' min iħaddem
Dawk li jħaddmu għandhom jippreparaw bir-reqqa dak li se jagħmlu sabiex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom li jagħmlu evalwazzjoni tar-riskju, u jistabbilixxu l-miżuri neċessarji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Huwa rakkomandat li jagħmlu dan permezz ta' pjan ta' azzjoni għall-eliminazzjoni jew il-kontroll tar-riskji.
Il-pjan ta' azzjoni għandu jinkludi:
- l-ikkummissjonar, l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta' l-evalwazzjoni
- il-ħatra ta' persuni kompetenti sabiex jagħmlu l-evalwazzjonijiet
- il-persuna li tagħmel l-evalwazzjoni tar-riskju tista' tkun:
- dawk li jħaddmu stess
- impjegati nominati minn dawk li jħaddmu
- eżaminaturi esterni u fornituri tas-servizz jekk hemm nuqqas ta' persunal kompetenti fuq il-post tax-xogħol
- il-persuni jistgħu juru l-kompetenza tagħhom billi juru li għandhom il-kapaċitajiet segwenti:
- fehim ta' l-approċċ ġenerali għall-evalwazzjoni tar-riskju
- il-kapaċità li japplikaw dan il-fehim għall-post tax-xogħol
- il-kapaċità li jidentifikaw sitwazzjonijiet fejn huma ma jkunux kapaċi jevalwaw sewwa r-riskju mingħajr għajnuna, u jkunu kapaċi jagħtu parir għall-bżonn ta' aktar assistenza
- konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fuq arranġamenti għall-ħatra ta' dawk li se jagħmlu l-evalwazzjonijiet
- l-għoti ta' informazzjoni, taħriġ, riżorsi u appoġġ meħtieġa lill-eżaminaturi li jkunu l-impjegati ta' min iħaddem stess
- assigurazzjoni għal koordinazzjoni xierqa bejn l-eżaminaturi (fejn rilevanti)
- involviment tal-maniġment u titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol
- determinazzjoni ta' l-arranġamenti li jridu jsiru għar-reviżjoni u r-reviżjoni ta' l-evalwazzjoni tar-riskju
- assigurazzjoni li l-miżuri preventivi u protettivi jikkunsidraw ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni
- assigurazzjoni li l-evalwazzjoni tar-riskju hija dokumentata
- monitoraġġ tal-miżuri prottettivi u preventivi sabiex jiġi assigurat li tinżamm l-effikaċja
- il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom jiġu infurmati bir-riżultati ta' l-evalwazzjoni u bil-miżuri introdotti (ir-reġistri jkunu disponibbli għalihom).