Kif għandha ssir evalwazzjoni tar-riskju
Fil-livell ta' l-UE m'hemmx regoli fissi dwar kif għandhom isiru l-evalwazzjonijiet tar-riskji (għandek tara l-leġislazzjoni speċifika relatata ma' l-evalwazzjoni tar-riskju f'pajjiżek). Madankollu, hemm żewġ prinċipji li wieħed għandu dejjem iżomm f'moħħu meta jasal għal evalwazzjoni tar-riskju:
- li l-evalwazzjoni tiġi strutturata sabiex jiġi assigurat li l-perikli u r-riskji rilevanti jiġu indirizzati kollha (eż. li ma jintesewx doveri, bħat-tindif, li jistgħu jsiru barra mill-ħinijiet normali tax-xogħol, jew dipartimenti anċillari bħall-ippakkjar ta' l-iskart);
- meta jiġi identifikat riskju, l-evalwazzjoni tibda mill-ewwel prinċipji billi wieħed jistaqsi jekk ir-riskju jistax jiġi eliminat.
Approċċ fi stadji għall-evalwazzjoni tar-riskju
Il-Gwida Ewropea dwar
l-evalwazzjoni tar-riskju fuq il-post tax-xogħol tipproponi approċċ ibbażat fuq numru ta' stadji differenti. Dan mhux l-uniku metodu ta' kif għandha ssir evalwazzjoni tar-riskju, hemm metodoloġiji varji ta' kif wieħed jilħaq l-istess għan. M'hemmx mod "tajjeb" wieħed għal kif għandha ssir evalwazzjoni tar-riskju u approċċi differenti jistgħu jaħdmu f'ċirkostanzi differenti.
Il-proċedura ta' evalwazzjoni tar-riskju (li tinkorpora elementi tal-ġestjoni tar-riskju) tista' tiġi mqassma f'serje ta' stadji.
- Stabbilixxi programm ta' evalwazzjoni tar-riskju fuq il-post tax-xogħol
- Agħti struttura lill-evalwazzjoni (iddeċiedi fuq l-approċċ: geografiku/funzjonali/proċess/fluss)
- Iġbor l-informazzjoni
- Identifika l-perikli
- Identifika dawk li huma f'riskju
- Identifika mudelli ta' espożizzjoni fost dawk f'riskju
- Evalwa r-riskji (l-probabilità ta' ħsara/severità ta' ħsara f'ċirkostanzi attwali)
- Investiga possibilitajiet għall-eliminazzjoni jew il-kontroll tar-riskji
- Ipprijoritizza l-azzjoni u ddeċiedi fuq il-miżuri ta' kontroll
- Implimenta l-kontrolli
- Irreġistra l-evalwazzjoni
- Kejjel l-effikaċja ta' l-azzjoni
- Irrevedi (jekk jiġu introdotti xi tibdiliet, jew perjodikament)
- Issorvelja l-programm ta' l-evalwazzjoni tar-riskju
Għal ħafna negozji, b'mod speċjali intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, approċċ mhux komplikat fuq ħames passi (li jinkorpora elementi ta' ġestjoni tar-riskju) bħal dan li hawn preżentat hawn taħt, għandu jaħdem sewwa.
L-1 Pass. L-identifikazzjoni tal-perikli u ta' dawk f'riskju It-tfittxija għal dawk l-affarijiet fuq il-post tax-xogħol li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw ħsara, u l-identifikazzjoni tal-ħaddiema li jistgħu jkunu esposti għall-perikli.
It-2 Pass. L-evalwazzjoni u l-prijoritizzazzjoni tar-riskji Stima tar-riskji eżistenti (s-severità u l-probabilità ta' ħsara possibbli…) u li jiġu prijoritizzati skond l-importanza.
It-3 Pass. Deċiżjoni dwar azzjoni preventiva Identifikazzjoni tal-miżuri xierqa biex jiġu eliminati jew ikkontrollati r-riskji.
Ir-4 Pass. It-twettiq ta' azzjoniIt-tqegħid ta' miżuri preventivi u protettivi f'posthom permezz ta' pjan ta' prijoritizzazzjoni.
Il-5 Pass. Monitoraġġ u reviżjoni L-evalwazzjoni għandha tiġi riveduta f'intervalli regolari sabiex jiġi assigurat li tinżamm aġġornata.
Madankollu, huwa importanti li wieħed ikun jaf li hemm metodi oħrajn li jaħdmu tajjeb ukoll, partikolarment għal riskji u ċirkostanzi aktar kumplessi. Liema approċċ għall-evalwazzjoni jkun applikat jiddependi fuq:
- in-natura tal-post tax-xogħol (eż. stabbiliment fiss, jew wieħed transitorju)
- it-tip ta' proċess (eż. operazzjonijiet ripetuti, proċessi li qed jiżviluppaw/jinbidlu, xogħol fuq talba)
- il-kompitu esegwit (eż. ripetittiv, okkażjonali jew ta' riskju għoli)
F'xi każijiet, eżerċizzju wieħed li jkopri r-riskji kollha f'post tax-xogħol jew attività jista' jkun xieraq. F'każijiet oħra, approċċi differenti jistgħu jkunu xierqa għal partijiet differenti ta' post tax-xogħol.