Introduzzjoni
Ir-rekwiżiti legali Ewropej li għandhom x'jaqsmu mal-problemi muskuloskeletali (MSDs) jinkludu konvenzjonijiet u standards internazzjonali, Direttivi Ewropej u standards Ewropej.
Fuq il-livell internazzjonali, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) ħarġet diversi konvenzjonijiet relatati ma' l-MSDs. Before these conventions became legal obligations, they had to be ratified by a certain number of states.
Fuq il-livell Ewropew, ġew ippubblikati diversi Direttivi li għandhom x'jaqsmu direttament jew indirettament ma' l-MSDs. Direttiva Ewropea teħtieġ leġislazzjoni nazzjonali ta' implimentazzjoni f'kull Stat Membru qabel ma' tidħol fis-seħħ f'dak l-Istat Membru. Ġeneralment Direttiva tistabbilixxi l-għanijiet mifthema li għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri ta' l-UE, iżda tagħti libertà ta' għażla dwar kif dawn għandhom jintlaħqu. Id-Direttivi huma sostnuti minn serje ta’ standards Ewropej (magћrufa bћala EN standards), li jkomplu fejn ћallew id-Direttivi jew jgћinu fl-implimentazzjoni tagћhom.
L-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Istandardizzazzjoni (ISO) ippubblikat standards internazzjonali li jittrattaw ir-rekwiżiti ergonomiċi tal-workstations, il-metodi ta' l-evalwazzjoni tar-riskju u aspetti oħra relatati ma' l-MSDs.
Il-Konvenzjonijiet ta' l-ILO
- C127 - Il-Konvenzjoni tal-piż massimu
Data tad-dħul fis-seħħ: 28.06.1967
Ir-rekwiżiti l-iżjed importanti:
- l-ebda ħaddiem m'għandu jġorr tagħbija li, minħabba l-piż tagħha, huwa probabbli li tħalli effett fuq is-saħħa u s-sigurtà tiegħu;
- kwalunkwe ħaddiem assenjat għall-ġarr manwali ta' tagħbija jrid jirċievi taħriġ jew istruzzjonijiet adegwati;
- meta jkun possibbli għandu jintuża apparat tekniku xieraq għall-ġarr manwali tat-tagħbija.
- C148 - L-ambjent tax-xogħol (it-tniġġis ta' l-arja, l-istorbju u t-theżżiż)
Data tad-dħul fis-seħħ: 20.06.1977
Ir-rekwiżiti l-iżjed importanti:
- kemm jista' jkun l-ambjent tax-xogħol għandu jinżamm ħieles mill-periklu tat-theżżiż;
- jekk ikun neċessarju, min iħaddem irid jipprovdi apparat ta' protezzjoni personali;
- il-persuni kollha konċernati għandhom jiġu infurmati u mgħallma dwar il-metodi li jnaqqsu r-riskju tat-theżżiż.
- C155 - Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol
Data tad-dħul fis-seħħ: 22.06.2001
Din il-konvenzjoni tobbliga lil dawk li jfasslu l-politika u li min iħaddem sabiex jassiguraw li l-postijiet tax-xogħol, il-makkinjarju u l-apparat huma siguri u mingħajr ebda riskju għas-saħħa.
- C167 - Is-saħħa u s-sigurtà fil-kostruzzjoni
Data tad-dħul fis-seħħ: 20.06.1988
Din il-konvenzjoni tapplika biss għall-ħaddiema fil-kostruzzjoni. Din tinkludi r-rekwiżiti għall-apparat għall-irfigħ, gear għall-irfigħ, apparat għat-trasport, apparat li jċaqlaq il-ħamrija u apparat għall-immaniġġjar tal-materjal fis-settur tal-kostruzzjoni.
- C184 - Is-saħħa u s-sigurtà fl-agrikoltura
Data tad-dħul fis-seħħ: 21.06.2001
Din il-konvenzjoni tapplika biss għall-ħaddiema li jaħdmu fl-agrikoltura. Tinkludi r-rekwiżiti tas-sigurtà u ta' l-ergonomija tal-makkinarju u ta' l-immaniġġjar u t-trasport tal-materjali fis-settur ta' l-agrikoltura.
Id-Direttivi Ewropej
- 89/391/EEC
Din id-Direttiva ġenerali ta' l-Istruttura dwar miżuri li jħeġġu titjib fis-saħħa u fis-sigurtà tal-ħaddiema, m'għandiex x'taqsam b'mod dirett ma' l-MSDs. Madankollu, din tobbliga lil min iħaddem, sabiex jieħu l-miżuri neċessarji ħalli jipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema f'kull aspett tax-xogħol tagħhom.
- 89/654/EEC
Din id-Direttiva tikkonċerna r-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà, kemm fil-postijiet tax-xogħol li jiġu wżati b'mod regolari, kif ukoll fil-postijiet tax-xogħol li jkunu qegħdin jintużaw għall-ewwel darba. Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-libertà tal-moviment fil-workstations huma ta' interess għall-prevenzjoni ta' l-MSDs.
- 89/655/EEC - 89/656/EEC
Id-Direttivi 89/655/KEE u 89/656/KEE ikopru l-adattabilità ta' l-apparat tax-xogħol u l-apparat ta' protezzjoni personali li jaffettwaw ir-riskju ta' l-MSDs. L-apparat kollu ta' protezzjoni personali għandu jieħu f'kunsiderazzjoni r-rekwiżiti ergonomiċi u l-istat tas-saħħa tal-ħaddiema, u għandu jiġi sew lil min jilbsu wara li jkunu saru xi aġġustamenti neċessarji.
- 90/269/EEC
Din id-Direttiva tiddiskrivi l-obbligi ta' min iħaddem fil-każ ta' l-irfigħ manwali tat-tagħbijiet meta jkun hemm ir-riskju ta' uġigħ fid-dahar.
- 90/270/EEC
Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà tax-xogħol li juża' apparat ta' display screen, ta' l-ambjent u ta' l-interface ta' l-operatur/tal-kompjuter. Min iħaddem irid jevalwa r-riskji tas-saħħa u s-sigurtà assoċjati mal-workstations u għandu jieħu l-miżuri addattati biex jiġu irranġati.
- 93/104/EC
Din id-Direttiva tittratta l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Fatturi bħal xogħol ripetittiv, xogħol monotonu u l-għeja jistgħu jżidu r-riskju ta' l-MSDs. F'din id-Direttiva huma stabbiliti rekwiżiti li għandhom x'jaqsmu mal-waqfiet, mal-mistrieħ fil-ġimgħa, mal-leave annwali, max-xogħol li jsir bil-lejl, max-xogħol li jsir bix-xift u mal-mudelli tax-xogħol.
- 98/37/EC
Din id-Direttiva tittratta l-makkinarju. Id-disinn tal-makkinarju għandu jieħdu f'kunsiderazzjoni l-prinċipji ergonomiċi sabiex l-iskumdità, l-għeja u l-istress psikoloġiku ta' l-operatur jiġi mnaqqas kemm jista' jkun. Il-prinċipji ergonomiċi għandhom jiġu applikati wkoll għall-makkinarju ta' kontroll, għall-apparat ta' protezzjoni personali u għall-post fejn joqgħod ix-xufier. Il-makkinarju għandu jiġi ddisinjat ukoll b'tali mod li r-riskji li jirriżultaw mit-theżżiż jiġu mnaqqsa kemm jista' jkun. Id-Direttiva tinkludi wkoll informazzjoni importanti dwar il-protezzjoni kontra l-perikli mekkaniċi, bħar-riskju ta' ħsara waqt il-ħidma.
- 2002/44/EC
Din id-Direttiva tistabbilixxi l-limiti ta' sottomissjoni u l-valuri tat-theżżiż fl-idejn u fid-dirgħajn u fil-ġisem kollu. Min iħaddem għandu jevalwa r-riskji, jevita jew inaqqas is-sottomissjoni u jinforma u jħarreġ lill-ħaddiema tiegħu sabiex inaqqsu r-riskju tat-theżżiż. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti li għandhom x'jaqsmu mal-monitoraġġ tas-saħħa tal-ħaddiema.
- 2006/42/EC
Din id-Direttiva tittratta l-makkinarju, l-apparat li jista' jinbidel, il-komponenti tas-sigurtà, l-aċċessjoji għall-irfigħ, il-ktajjen, il-ħbula u l-webbing, l-apparat mekkaniku ta' trasmissjoni li jista' jinqala' u makkinjarju li jkun tlesta parzjalment. Din tkopri wkoll ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà li għandhom x'jaqsmu mad-disinn u l-kostruzzjoni tal-makkinarju.
L-Istandards
Huma biss l-istandards ta' l-MSDs l-iżjed rilevanti li jiġu deskritti f'iżjed dettall.
- EN 614: Is-sigurtà tal-makkinarju - Il-prinċipji ergonomiċi tad-disinn
Dan l-istandard bażiku jistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu applikati b'mod speċjali fil-proċess ta' l-iddisinjar tal-makkinarju. Jistabbilixxi r-regoli ergonomiċi għad-disinjaturi waqt li jieħu f'kunsiderazzjoni s-saħħa u s-sigurtà ta' l-operaturi fl-oqsma kollha ta' l-attività tagħhom. L-Istandard jikkonsisti f'żewġ partijiet:
- EN 614-1: Is-sigurtà tal-makkinarju - Il-prinċipji ergonomiċi tad-disinn
It-terminoloġija u l-prinċipji tad-disinn
Dan jistabbilixxi r-regoli ġenerali li għandhom x'jaqsmu mal-proċess tad-disinn u jieħu f'kunsiderazzjoni l-antropometrija u l-bijomekkanika, l-attwaturi tal-kontroll, l-interazzjoni ma' l-ambjent fiżiku tax-xogħol, l-istorbju, it-theżżiż, l-emissjonijiet tas-sħana, id-dawl, il-materjal perikoluż u r-radjazzjoni, kif ukoll l-interazzjoni mal-proċess tax-xogħol.
- EN 614-2: Is-sigurtà tal-makkinarju - Il-prinċipji ergonomiċi tad-disinn.
Interazzjoni bejn id-disinn tal-makkinarju u x-xogħol
Dan jistabbilixxi r-regoli ewlenin sabiex l-ergonomija tiġi integrata fil-proċess tad-disinn. Dan jiddiskrivi l-karatteristiċi tax-xogħol li jkun ippjanat sew, l-metodi tal-proċess tax-xogħol u l-evalwazzjoni tal-proċess tax-xogħol.
- EN 1005: Is-sigurtà tal-makkinarju. Il-prestazzjoni fiżika tal-bniedem
Dan l-istandard jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar ir-riskji muskuloskeletali assoċjati max-xogħol u metodi kif dawn ir-riskji jistgħu jitnaqqsu. Dan l-istandard jikkonsisti f'ħames partijiet: erbgħa ġew approvati diġà, waqt li wieħed qiegħed jiġi ppreparat mill-Kumitat Tekniku ta' l-"Ergonomija" CEN/TC 122.
- EN 1005-1: Is-sigurtà tal-makkinarju. Il-prestazzjoni fiżika tal-bniedem.
Termini u definizzjonijiet
Dan ikopri termini u definizzonijiet, kunċetti bażiċi u parametri li għandhom x'jaqsmu mal-partijiet kollha ta' l-EN 1005. Dawn it-termini u d-definizzjonijiet għandhom x'jaqsmu mal-movimenti tar-riġlejn u tas-saqajn, tad-dirgħajn u ta' l-idejn waqt ix-xogħol, mal-metodi differenti ta' kif wieħed jaqbad l-oġġetti, ma' l-oġġetti li jkunu fil-workstations, mal-qagħda, mat-tul tax-xogħol u ma' l-irkupru.
- EN 1005-2: Is-sigurtà tal-makkinarju. Il-prestazzjoni fiżika tal-bniedem.
L-irfigħ manwali tal-makkinarju u tal-partijiet li jiffurmaw parti mill-makkinarju.
Dan jipprovdi rakkomandazzjonijiet ergonomiċi għad-disinn tal-makkinarju u għall-partijiet li jiffurmaw parti mill-makkinarju li jinvolvu l-irfigħ manwali f'ambjent professjonali u domestiku. Japplika għall-irfigħ manwali tal-makkinarju, għall-partijiet tal-makkinarju u għall-oġġetti pproċessati mill-magni (dħul/ħruġ) ta' 3 kg jew iżjed, li jinġarru għal inqas minn 2 metri. Jippreżenta l-metodi għall-evalwazzjoni tar-riskju b'relazzjoni ma' l-irfigħ manwali, bl-użu ta' sistema ta' tliet żoni. Ma jkoprix iż-żamma ta' l-oġġetti (mingħajr mixi), l-imbottar jew il-ġbid ta' l-oġġetti, il-magni li jinżammu fl-idejn jew l-irfigħ waqt li wieħed ikun bilqegħda.
- EN 1005-3: Is-sigurtà tal-makkinarju. Il-prestazzjoni fiżika tal-bniedem.
Limiti ta' saħħa irrakkomandati waqt li jkun qiegħed jiġi wżat il-makkinarju
Dan jipprovdi gwida għall-manifatturi tal-makkinarji sabiex inaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji għas-saħħa kkawżati mill-użu tas-saħħa fiżika. L-istandard jispeċifika l-metodi ta' kif tiġi evalwata l-kapaċità muskolari fil-popolazzjoni adulta. Is-saħħa tal-muskoli tiġi kkunsidrata kemm waqt li l-ġisem ma jkunx qiegħed jiċċaqlaq, kif ukoll waqt il-moviment. L-istandard jistabbilixxi wkoll proċedura għall-evalwazzjoni tar-riskju ta' tagħbija żejda waqt ix-xogħol, li tista' twassal għal problemi muskuloskeletali.
- prEN-1005-4: Is-sigurtà tal-makkinarju. Il-prestazzjoni fiżika tal-bniedem.
Evalwazzjoni tal-qagħdiet waqt ix-xogħol b'relazzjoni mal-makkinarju
Dan jipprovdi gwida għad-disinjar tal-makkinarju u tal-partijiet tiegħu, biex b'hekk jgħin sabiex issir evalwazzjoni u kontroll tar-riskji għas-saħħa li jirriżultaw mill-qagħda u mill-movimenti li għandhom x'jaqsmu mal-makkinarju. L-istandard jistabbilixxi tipi u gradi differenti ta' tgħawwiġ tal-ġisem, il-qagħda tan-naħa ta' fuq tad-dirgħajn, il-liwi u t-tidwir ta' l-għonq u d-direzzjoni tal-ħars. Il-qagħda waqt ix-xogħol hija kklassifikata bħala aċċettabbli, aċċettabbli taħt kundizzjoni, u mhux aċċettabbli, skond it-tip tagħha u l-frekwenza tal-moviment.
- prEN 1005-5: Is-sigurtà tal-makkinarju. Il-prestazzjoni fiżika tal-bniedem.
L-evalwazzjoni tar-riskju ta' irfigħ manwali ripetittiv
Dan jipprovdi metodu ta' evalwazzjoni tar-riskju u gwida sabiex jiġu mnaqqsa r-riskji għas-saħħa minħabba l-irfigħ manwali ripetittiv. L-istandard jippermetti li jiġi stabbilit ir-riskju tal-problemi muskuloskeletali, speċjalment meta jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-effetti tax-xogħol ripetittiv fuq id-dirgħajn u fuq l-idejn.
- EN ISO 9241: Ir-rekwiżiti ergonomiċi għax-xogħol fl-uffiċċju bil-visual display terminals (VDTs)
- EN ISO 9241-4: Ir-rekwiżiti ergonomiċi għax-xogħol fl-uffiċċju bil-visual display terminals (VDTs) Rekwiżiti tal-keyboard.
Dan l-istandard japplika għad-disinji tal-keyboards għall-użu stazzjonarju, u jipprovdi linji gwida fuq id-disinn tal-keyboards użati għal xogħlijiet tipiċi ta' l-uffiċċju, li jiffukaw fuq il-limitazzjonijiet u l-kapaċitajiet ta' l-utenti. Għandu x'jaqsam ma' aspetti tad-disinn ġenerali tal-keyboard, li jistgħu jaffettwaw l-MSDs, bħall-inklinazzjoni tal-keyboard, it-tqassim tal-wiċċ tagħha u l-proprjetatiet materjali, kif ukoll il-post fejn titqiegħed il-keyboard.
- EN ISO 9241-5: Ir-rekwiżiti ergonomiċi għax-xogħol fl-uffiċċju bil-visual display terminals (VDTs) It-tqassim tal-workstation u r-rekwiżiti tal-qagħda
Dan l-istandard jistabbilixxi l-prinċipji gwida ergonomiċi li japplikaw għar-rekwiżiti ta' l-utent, għad-disinn u għall-kisba ta' l-apparat tal-workstations għax-xogħol fl-uffiċċju li jsir bil-VDTs. Jipprovdi informazzjoni ġenerali fuq il-qagħda, l-uċuh għas-support, is-siġġijiet tax-xogħol u t-tqassim ta' l-ispazju tax-xogħol.
- EN ISO 9241-9: Ir-rekwiżiti ergonomiċi għax-xogħol fl-uffiċċju bil-visual display terminals (VDTs). Ir-rekwiżiti għall-apparati ta' input li m'humiex keyboard.
Dan l-istandard jistabbilixxi r-rekwiżiti u r-rakkomandazzjonijiet għad-disinn ta' apparati ta' input li m'humiex keyboard. Dawn jinkludu mice, pucks, joysticks, trackballs, tablets u overlays, touch-sensitive screens, styli, u light pens. Dan l-istandard għandu x'jaqsam mat-tagħbija bijomekkanika b'kunsiderazzjoni speċjali għall-qagħada, (ix-xogħol mingħajr bidla mhux neċessarja minn qagħda naturali), għall-isforz (il-ħidma mingħajr sforz eċċessiv) u għat-taħriġ ta' l-utent.
- prEN 13921: L-apparat ta' protezzjoni personali - Prinċipji ergonomiċi
Dan l-istandard jipprovdi gwida dwar il-karatteristiċi ergonomiċi ġeneriċi li għandhom x'jaqsmu ta' l-apparat ta' protezzjoni personali (PPE). Għandu x'jaqsam b'mod speċjali mal-prinċipji relatati mal-karatteristiċi antropometriċi tal-PPE u ma' l-interazzjoni bijomekkanika bejn il-PPE u l-ġisem tal-bniedem.
- EN ISO 12100: Is-sigurtà tal-makkinarju. Il-kunċetti bażiċi, il-prinċipji ġenerali tad-disinn
- EN ISO 12100-1: Is-sigurtà tal-makkinarju. Il-kunċetti bażiċi, il-prinċipji ġenerali tad-disinn. Terminoloġija bażika, metodoloġija
- EN ISO 12100-2: Is-sigurtà tal-makkinarju. Il-kunċetti bażiċi, il-prinċipji ġenerali tad-disinn. Prinċipji tekniċi
Dawn l-istandards juru kif il-makkinarju li mhuwiex addattat għall-karatteristiċi u għall-kapaċitajiet tal-bniediem, jista' jwassal għall-problemi fiżjoloġiċi (muskuloskeletali), kif ukoll għall-problemi psiko-fiżjoloġiċi u żieda fl-iżbalji tal-bniedem. L-istandards jinkludu gwida fuq l-aspetti ergonomiċi, bħal li jiġu evitati l-qagħdiet skomdi, l-istorbju, il-faċilità ta' l-użu u t-theżżiż.
Regolamenti nazzjonali ta' interess
- Ħafna interpretazzjonijiet ta' l-Istati Membri tad-Direttiva 90/269/EEC dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà għall-irfigħ manwali tat-tagħbija, meta jkun hemm riskju partikolari ta' uġigħ fid-dahar, jikkonċentraw fuq l-iffissar ta' tagħbijiet massimi. Madankollu, xi liġijiet nazzjonali jadottaw strateġija iżjed komprensiva.
Ir-regolamenti Żvediżi, per eżempju, ikopru l-qagħdiet u l-movimenti kollha tax-xogħol. Il-gwida ta' l-ispettorat tal-fabbriki dwar l-implimentazzjoni tar-regolamenti għandha skop usa u tkopri kemm ix-xogħol ripetittiv kollu, il-qagħdiet fix-xogħol, id-disinn ergonomiku ta' l-apparat tax-xogħol u taż-żoni fejn isir ix-xogħol, kif ukoll il-ħtieġa li l-ħaddiema jbiddlu għal tipi differenti ta' xogħol, li jieqfu biex jistrieħu meta jħossu l-bżonn, u tkopri wkoll kwisjtonijiet speċifiċi iżjed ovvji relatati ma' xogħol ta' ġarr tqil. Min iħaddem irid jevalwa l-konnessjoni bejn il-fatturi mekkaniċi u psikosoċjali ta' riskju għall-MSDs u jrid jipprovdi gwida dwar kif iridu jsiru l-evalwazzjonijiet tar-riskju f'diversi sitwazzjonijiet.
- Id-Direttiva 90/270/EEC dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà f'xogħol li jsir b'apparat ta' display screen
Id-Direttiva tillimita l-monitoraġġ tas-saħħa għat-testijiet ta' l-għajnejn u tal-vista, iżda ma tiffukax fuq perikli oħra għas-saħħa (speċjalment l-MSDs). Il-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni ġewwa Franza u ġewwa l-Belġju tobbliga lill-ħaddiema li jużaw l-apparat bid-display screen sabiex jagħmlu testijiet mediċi speċjali - li l-kontenut tagħhom m'huwiex speċifikat - u dan jippermetti lis-servizzi tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol sabiex jiddedikaw iżjed ħin għall-attivitajiet preventivi tas-saħħa għal dawn il-ħaddiema. Ġewwa l-Finlandja ix-xogħol ta' monitoraġġ mediku diġà ġie estiż b'mod espliċitu għas-'saħħa ġenerali' u ġewwa l-Italja għall-'problemi muskuloskeletali'.