Sustanzi Perikolużi
![]() |
Is-sustanzi perikolużi - li jfisser kwalunkwe likwidu, gass jew solidu li jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-ħaddiema - jistgħu jinstabu fi kważi l-postijiet tax-xogħol kollha. Madwar l-Ewropa, miljuni ta' ħaddiema jiġu f'kuntatt ma' sustanzi kimiċi u bijoloġiċi li jistgħu jagħmlulhom ħsara. |
Skond riċerka riċenti, 19 % tal-ħaddiema ta' l-UE jgħidu li huma esposti għal fwar tossiku għal kwart jew aktar mill-ħin tax-xogħol tagħhom, filwaqt li 15 % tal-ħaddiema jridu jimmaniġġjaw sustanzi perikolużi bħala parti mix-xogħol tagħhom ta' kuljum.
Jekk ir-riskji ta' l-użu ta' sustanzi perikolużi ma jiġux ġestiti sewwa, tista' ssir ħsara lis-saħħa tal-ħaddiema f'diversi modi, b'effetti li jvarjaw minn irritazzjonijiet ħfief fl-għajnejn u l-ġilda għall-ażżma, problemi fir-riproduzzjoni u difetti tat-twelid, u kanċer. Dan jista' jseħħ minn espożizzjoni waħda qasira, jew minn diversi espożizzjonijiet u akkumulazzjoni fuq perjodu twil ta' sustanzi fil-ġisem.
Bil-liġi, min iħaddem fl-UE jrid jipproteġi lill-ħaddiema tiegħu milli ssirilhom ħsara minn sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol. Min iħaddem irid iwettaq valutazzjonijiet tar-riskji, u jaġixxi fuqhom. Il-leġiżlazzjoni tirregola wkoll l-identifikazzjoni u l-ittikkettjar ta' l-eluf ta' sustanzi differenti li huma rreġistrati fis-suq ta' l-UE.
Li jitnaqqsu r-riskji li wieħed jaħdem b'sustanzi perikolużi mhuwiex biss obbligu morali u legali - hemm ukoll każ kummerċjali qawwi għal dan. L-organizzazzjonijiet jistgħu jbatu meta l-affarijiet imorru ħażin - minn telf fil-produttività, u ċans akbar għal prosekuzzjoni u talbiet għall-kumpens -, kif ukoll il-ħaddiema.
Fortunatament, jeżisti ammont kbir ta' gwida għal min iħaddem u għall-ħaddiema dwar kif jittrattaw sustanzi perikolużi. U madwar l-Ewropa kollha, hemm bosta eżempji ta' prattika tajba li wieħed jista' jitgħallem minnhom.
Billi tittieħed azzjoni adegwata, il-ħaddiema jistgħu jinżammu ħielsa mill-periklu waqt li jkunu qegħdin jużaw sustanzi perikolużi.
Min iħaddem huwa obbligat ukoll li jipprovdi lill-ħaddiema b'informazzjoni dwar ir-riskji li jippreżentaw is-sustanzi perikolużi, u taħriġ dwar kif għandhom jużawhom mingħajr periklu. Ir-regolamenti japplikaw kemm għall-prodotti kummerċjalizzati kif ukoll għall-iskart u l-prodotti sekondarji li jirriżultaw mill-proċessi tal-produzzjoni.


