It-tnaqqis ta' l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol: pariri għal min iħaddem
3. Żliq, tfixkil fuq oġġetti u waqgħat
L-ogħla numru ta' korrimenti fis-setturi kollha, mill-manifattura industrijali għax-xogħol fl-uffiċċju, huwa dovut għaż-żlit, it-tfixkil fuq oġġetti u l-waqgħat. Biex jonqos ir-riskju ta' korrimenti madankollu huwa biżżejjed li jittieħdu miżuri sempliċi. Fejn possibbli, l-għan għandu jkun dak li jiġi eliminat ir-riskju minn ras il-għajn: per eżempju, l-invellar tal-pavimenti mhux lixxi. L-alternattiva l-oħra f'ordini ta' importanza hija s-sostituzzjoni (per eżempju, l-użu ta' metodu alternattiv ta' tindif tal-pavimenti), segwita mis-separazzjoni (l-użu ta' barrieri biex iżommu lill-ħaddiema milli jgħaddu minn fuq pavimenti mxarrbin). L-aħħar miżura hija l-protezzjoni; per eżempju, l-użu ta' xedd is-saqajn b'pettijiet kontra ż-żliq. Għandu jintuża tagħmir ta' protezzjoni personali wara li jkunu ddaħħlu l-miżuri ta' sigurtà fuq livell kollettiv u tekniku.
Prevenzjoni effikaċi
- Iż-żamma tal-post f'kundizzjoni tajba — l-ambjent tax-xogħol għandu jkun nadif u pulit; il-pavimenti u l-passaġġi ta' aċċess ma għandhomx ikunu ngumbrati minn ostakli. L-iskart għandu jitneħħa regolarment, biex b'hekk ikun evitat li jakkumula.
- Tindif u manutenzjoni — l-iskart għandu jitneħħa regolarment u l-inħawi tax-xogħol ma għandhomx ikunu ngumbrati. Il-metodi u l-apparat tat-tindif għandhom ikunu adatti għall-wiċċ li jkun qiegħed jiġi ttrattat.
- Tidwil — għandu jkun żgurat li d-dawl huwa adegwat u li l-pożizzjoni tad-dwal tkun tali li tiżgura li jdawlu l-paviment b'mod uniformi, għandu jkun żgurat ukoll li l-perikli, l-ostakli u t-tixrid aċċidentali ta' likwidi jkunu jistgħu jidhru sewwa.
- Il-pavimenti għandhom jiġu kkontrallati regolarment għall-ħsara u l-manutenzjoni għandha ssir kull meta jkun hemm bżonn. Fost il-perikli potenzjali nsibu ħofor, qsim, twapet u twapet żgħar mhux fissi. L-uċuħ tal-pavimenti għandhom ikunu adatti għax-xogħol imwettaq; per eżempju, għandhom ikunu reżistenti għaż-żjut u s-sustanzi kimiċi użati fil-proċessi tal-produzzjoni. Il-fatt li l-pavimenti eżistenti jinksew jew jiġu ttrattati kimikament jista' jtejjeb il-karatteristiċi tagħhom kontra ż-żliq.
- Turġien — il-poġġamani, il-kisi kontra ż-żliq għat-tarġiet, viżibilità tajba, sinjali kontra ż-żliq fuq it-tarġiet u dawl adegwat lkoll huma elementi li jgħinu fil-prevenzjoni ta' sitwazzjonijiet li fihom il-ħaddiema aktarx jistgħu jiżolqu jew jitfixklu fit-taraġ.
- Tixrid aċċidentali ta' likwidi — ixxotta immedjatament it-tixrid bl-użu ta' metodu ta' tindif xieraq. Uża sinjali ta' twissija fejn il-paviment huwa mxarrab u rranġa postijiet alternattivi minn fejn tgħaddi.
- Ostakli— fejn possibbli, neħħihom. Jekk dan ma jkunx possibbli, uża avviżi ta' twissija u barrieri xierqa.
- Kejbils ikaxkru ma' l-art — poġġi t-tagħmir b'tali mod li l-kejbils ma jaqsmux passaġġi pedonali. Uża għata għall-kejbils biex il-kejbils jitwaħħlu sewwa ma' l-uċuħ.
- Xedd is-saqajn — il-ħaddiema jeħtieġu jilbsu xedd tas-saqajn xieraq. Ivvaluta t-tip ta' xogħol, l-uċuħ tal-paviment, il-kundizzjonijiet normali tal-paviment u l-proprjetajiet kontra ż-żliq tal-pettijiet.
- Il-postijiet tax-xogħol esterni għandhom ikunu rranġati b'tali mod li jnaqqsu sal-minimu r-riskji; per eżempju, bl-adozzjoni ta' miżuri kontra ż-żliq fi preżenza ta' silġ u l-użu ta' xedd is-saqajn xieraq għall-ħaddiema.