It-tnaqqis ta' l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol: pariri għal min iħaddem
6. Konsultazzjoni, informazzjoni u taħriġ
Min iħaddem għandu d-dmir li jikkonsulta l-ħaddiema kemm għad-deċiżjonijiet dwar miżuri tas-saħħa u s-sigurtà kif ukoll qabel ma tiddaħħal teknoloġija ġdida jew jiddaħħlu prodotti ġodda. L-użu ta' għerf il-ħaddiema fil-fatt jgħin biex jiġu identifikati l-perikli u biex jiġu implimentati soluzzjonijiet fattibbli. B'hekk ikun hemm ukoll l-garanzija li l-ħaddiema jimpenjaw ruħhom biex jadottaw l-proċeduri ta' protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa u biex dawn jitjiebu.
Il-ħaddiema għandhom id-dritt li jirċievu tagħrif dwar ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà, dwar il-miżuri ta' prevenzjoni, dwar il-proċeduri ta' l-ewwel għajnuna u dwar il-proċeduri ta' emerġenza. Jeħtieġ li l-ħaddiema kollha jifhmu kif jaħdmu mingħajr periklu.
It-taħriġ għandu jkun rilevanti u jinftiehem, anki għal ħaddiema li jitkellmu b'lingwa differenti. It-taħriġ għandu jiġi pprovdut għal ħaddiema ġodda u dawk li diġà qegħdin jaħdmu meta jinbidlu l-prattiki tax-xogħol jew it-tagħmir tax-xogħol, inkella meta jibdlu tip ta' xogħol, jew meta tiġi introdotta teknoloġija ġdida.
It-taħriġ gandu jkun iffukat fuq:
- il-prinċipji tas-sistema ta' ġestjoni tas-sigurtà u r-responsabbiltajiet ta' l-impjegati;
- il-perikli u r-riskji speċifiċi fuq il-post tax-xogħol;
- il-kapaċitajiet meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti;
- il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju;
- il-miżuri ta' prevenzjoni li għandhom jittieħdu qabel, matul u wara l-kompitu;
- struzzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa u s-sigurtà għall-ħaddiema li jaħdmu b'tagħmir tekniku u prodotti perikolużi;
- informazzjoni dwar protezzjoni individwali u kollettiva;
- minn fejn l-impjegati jistgħu jġibu t-tagħrif dwar kwistjonijiet ta' saħħa u sigurtà;
- informazzjoni dwar il-persuni li għandhom ikunu kuntattjati biex jirrappurtaw ir-riskji emerġenti u l-emerġenzi.