It-tnaqqis ta' l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol: pariri għal min iħaddem
4. Industrija tal-bini - qasam suxxettibbli ħafna għall-inċidenti
L-industrija tal-bini hija waħda mis-setturi l-aktar perikolużi fl-UE. Il-perikli ewlenin jinkludu xogħol fl-għoli, xogħol ta' tħaffir u l-ġarr ta' tagħbijiet. Għandha tingħata prijorità lil miżuri li jeliminaw jew inaqqsu l-perikli f'ras il-għajn u lill-provvedimenti li jiggarantixxu protezzjoni kollettiva.
- Xogħol fl-għoli — il-waqgħat mill-għoli huma l-aktar kawża komuni ta' korrimenti u mwiet. Il-kawżi jinkludu: xogħol fuq armar (scaffolding) jew pjattaformi mingħajr ilqugħ, jew mingħajr l-użu korrett ta' armatura ta' sigurtà; soqfa fraġli; u slielem mhux miżmuma, ippożizzjonati u mwaħħlin b'mod ħażin. Għandu jiġi ppjanat il-proċess sħiħ tal-kostruzzjoni, mill-bidu mill-fażi ta' l-iddisinjar, sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-waqgħat.
- Xogħol ta' tħaffir — qabel ma jinbeda kwalunkwe xogħol ta' tħaffir jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-perikli potenzjali kollha, inkluż il-kollass ta' trinka, nies u vetturi li jaqgħu fiż-żoni tat-tħaffir u l-indeboliment ta' l-istrutturi fil-qrib. Imbagħad għandhom jiddaħħlu prekawzjonijiet xierqa. Is-servizzi kollha ta' taħt l-art għandhom jiġu identifikati u mmarkati u għandhom jittieħedu l-prekawzjonijiet neċessarji kollha biex jiġu evitati; għandu jiġi żgurat li l-materjali adatti jkunu disponibbli fis-sit tal-kostruzzjoni biex jgħinu fit-tħaffir; għandu jiġi żgurat li jintuża metodu sikur għat-trasport u t-tneħħija ta' materjali ta' sostenn.
- Ġarr ta' tagħbijiet — ix-xogħol għandu jiġi ppjanat b'tali mod li jitnaqqas sal-minimu ċ-ċaqliq tal-materjali u li l-materjali jinġarru fis-sigurtà. Għandu jiġi żgurat li t-tagħmir meħtieġ jiġi installat, jitħaddem minn ħaddiema mħarrġa u b'esperjenza, u li jiġi spezzjonat regolarment minn persuna kompetenti.
- Indafa ġenerali tas-sit tal-kostruzzjoni u aċċess sikur — għandu jiġi żgurat aċċess sikur (toroq, passaġġi pedonali [bil-mixi], slielem jew armar [scaffolds]) minn u lejn iż-żoni kollha ta' xogħol; li l-materjali jinħażnu f'postijiet sikuri; li t-toqob jiddawru b'ċint jew mgħottijin u mmarkati b'mod ċar; għandhom jinħarġu struzzjonijiet xierqa għall-ġbir u r-rimi tal-materjali ta' skart; iż-żoni ta' xogħol għandu jkunu mdawlin sew.
Biex tkun taf aktar dwar l-industrija tal-bini